1. Kellem lil Alla
L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hi sempliċement li titkellem ma’ Alla. Ammetti quddiemu li rribellajt kontrih u jistħoqqlok kastig, u itlob maħfra permezz tal-mewt ta’ Ġesù f’postok. Itolbu jgħinek tinbidel biex minflok tiribella kontrih, tibda tgħix ma’ Ġesù bħala l-Mexxej tiegħek. Tista’ titlob xi ħaġa hekk:
Għażiż Alla,
Naf li ma ħaqqnix li niġi aċċettat minnek. Ma ħaqqnix ir-rigal tiegħek tal-ħajja eterna. Jiena ħati talli rribellajt kontrik u injorajtek. Jiddispjaċini, u għandi bżonn il-maħfra tiegħek.
Grazzi talli bgħatt lil Ibnek biex imut għalija ħalli nkun nista’ niġi maħfur. Grazzi li qam mill-imwiet biex jagħtini ħajja ġdida.
Jekk jogħġbok aħfirli u ibdilni, sabiex inkun nista’ ngħix ma’ Ġesù bħala l-Mexxej tiegħi. Ammen.
2. Issottometti ruħek għal Ġesù
It-tieni pass huwa l-konsegwenza naturali tal-ewwel wieħed. Wara li tlabt it-talba t’hawn fuq, tkun trid tibda twettaq kliemek—jiġifieri, illi fil-fatt tgħix ma’ Ġesù bħala l-Mexxej tiegħek.
Se jkun hemm kull tip ta’ aspett f’ħajtek li jeħtieġ jinbidel. Se jkun hemm vizzji ribellużi qodma li trid tneħħi (bħar-regħba, ir-rabja, l-egoiżmu, eċċ.), u xi oħrajn ġodda li jonoraw lil Alla li trid tadotta (bħalma hi l-ġenerożità, it-tjubija, l-imħabba, u l-paċenzja).
Dat-tieni pass se jibqa’ għaddej għall-bqija ta’ ħajtek, imma Alla se jkun miegħek tul it-triq kollha. Se jibqa’ jkellmek permezz tal-qari tiegħek tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja; se jibqa’ jisimgħek u jgħinek hekk kif titlob lilu; se jagħtik is-setgħa permezz tal-Ispirtu tiegħu, li jgħix fik, biex tinbidel u timxi fi triqtu; u se jipprovdi aħwa Nsara oħra biex jinkuraġġuk matul it-triq hekk kif tiltaqa’ magħhom regolarment.
It-tieni pass, mela, hu li tissottometti ruħek għal Ġesù u tibda tgħix miegħu bħala l-Mexxej tiegħek.
3. Afda f’Ġesù
It-tielet pass għadu għaddej ukoll. Jeħtieġ li tibqa’ tpoġġi l-fiduċja tiegħek fil-persuna xierqa.
Huwa biss minħabba Ġesù (u bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet) li tista’ tiġi maħfur u ssir sewwa quddiem Alla. Ikollok bżonn tiftakar dan ripetutament, għax hekk kif tibda tgħix fit-triq il-ġdida t’Alla, xorta se tiżloq u tiżbalja. Ilkoll kemm aħna jiġrilna hekk. Ilkoll irridu nibqgħu nħarsu lejn il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib bħala l-uniku pedament għall-maħfra tagħna.
Qatt m’għandna nieqfu nistrieħu fuqu—u fuqu biss—bħala l-mezz li bih ninħafru u ningħataw il-ħajja ta’ dejjem.
Jekk timxi ma dawn il-passi tista’ tkun ċert li Alla tabilħaqq ħafirlek u tak ħajja ġdida fjamanta.
Imma jekk għadek ma weġbitx lil Alla b’dal-mod, tista’ tkun daqstant ċert li għadek taħt il-ġudizzju tiegħu.
Hemm salib fit-toroq. Hemm żewġ triqat biss kif tgħix. Hija l-għażla li lkoll niffaċċjaw.